gov.mt

pr261573

PR261573

28/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU 300 student ġdid bdew is-sena akkademika fl-ITS



L-Institute of Tourism Studies (ITS) beda s-sena akkademika 2026–2027 b’300 student ġdid, f’sena li timmarka kapitlu ġdid fl-istorja tal-Istitut u l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2026–2030, “From Consolidation to Mediterranean Excellence”.

L-ITS qed ikompli jsaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tiegħu, b’aktar minn 60 student jistudjaw permezz tal-campus f’Zhengzhou u aktar minn 50 permezz tal-campus f’Shanghai. Għall-ewwel darba, studenti li bdew l-istudji tagħhom fiċ-Ċina qed ikompluhom f’Malta, filwaqt li qed jintlaqgħu wkoll studenti mill-Awstrija.

Din il-ħidma tirrifletti l-impenn li Malta tkompli tinvesti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u l-iżvilupp professjonali bħala pilastri għall-futur tat-turiżmu.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li l-għan tal-Gvern huwa ċar, li kull student joħroġ mill-ITS mhux biss bi kwalifika, iżda bil-ħiliet, il-kunfidenza u l-esperjenza meħtieġa biex jagħti kontribut konkret lis-settur turistiku f’Malta u lil hinn minnha.

Il-Ministru Abela qal li l-40 anniversarju tal-ITS huwa xhieda tal-importanza tal-investiment fin-nies u fil-ħiliet li saħħew is-settur turistiku Malti matul is-snin. Huwa saħaq li dan l-anniversarju għandu jservi wkoll bħala punt ta’ tluq għal viżjoni aktar ambizzjuża għall-erbgħin sena li ġejjin, b’konnessjoni ċara mal-miri tal-Viżjoni Malta 2050.

“Il-Viżjoni Malta 2050 tagħtina direzzjoni ċara għal pajjiż aktar sostenibbli, reżiljenti u kompetittiv, fejn it-tkabbir ekonomiku jissarraf ukoll f’kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies tagħna. It-turiżmu għandu rwol importanti f’din il-viżjoni, u għalhekk irridu nimxu lejn mudell li jagħti aktar importanza lill-kwalità, il-valur u s-sostenibbiltà, aktar milli sempliċiment in-numru ta’ viżitaturi,” qal il-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela saħaq li turiżmu ta’ kwalità jeħtieġ nies ta’ kwalità. “L-ITS huwa parti importanti minn din il-viżjoni, għaliex l-investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet huwa investiment dirett fil-futur tal-ekonomija tagħna. Irridu professjonisti li jkunu kapaċi jadattaw għall-bidla, jużaw it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali b’mod effettiv, iżda li fl-istess ħin iżommu l-element uman li jagħti ruħ lill-ospitalità Maltija.”

“Il-futur tat-turiżmu mhux biss dwar kemm nilqgħu viżitaturi, iżda dwar x’tip ta’ esperjenza noffru, kemm valur noħolqu u x’wirt inħallu warajna. Dan huwa eżattament il-ħsieb li jorbot il-ħidma tal-ITS mal-viżjoni fit-tul għal Malta,” temm jgħid il-Ministru Abela

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech qal, “Bil-bidu ta’ din is-sena akkademika, l-ITS qed jidħol f’fażi ġdida ta’ żvilupp. Se nkunu qed naħdmu biex inwettqu l-Istrateġija 2026–2030 tagħna permezz ta’ programmi li jibqgħu rilevanti għall-industrija u opportunitajiet ġodda għall-istudenti. Qed nilqgħu studenti Maltin u internazzjonali minn diversi pajjiżi. Fost l-iżviluppi ta’ din is-sena, għall-ewwel darba, studenti li bdew l-istudji tagħhom fil-campus satellitari tal-ITS fiċ-Ċina se jkompluhom f’Malta, filwaqt li studenti mill-Awstrija se jkunu qed isegwu l-istudji tagħhom online mal-ITS Malta. Dawn l-iżviluppi juru kif il-kollaborazzjoni internazzjonali qed tissaħħaħ u qed toħloq toroq ġodda għall-komunità tal-ITS.”


​​​